Ġew imħabbra żewġ skemi għal dawk il-persuni li għandhom r-residenza primarja tagħhom mibnija fuq art bi qbiela jew b’ċens argrikolu sabiex isiru sidien tal-art.
L-Awtorità tal-Artijiet ħabbret li ser jinħarġu żewġ avviżi legali li mistennija jirregolarizzaw dawn il-każijiet.
L-ewwel skema tapplika għal dawk li għandhom it-titolu ta’ qbiela fejn ser jingħataw iċ-ċans li jsiru sidien tal-art fejn hemm il-bini tar-residenza.
Għal dawk li għandhom ċens agrikolu u japplikaw għal din l-iskema, iċ-ċens ser jinbidel għal ċens residenzjali.
Dawn l-iskemi ser jidħlu fis-seħħ permezz ta’ proġett pilota li ser jibbenefikaw minnu madwar 30 familja fiż-żona tas-Salvatur ir-Rabat.
Dan biex wara b’mod gradwali dawn l-iskemi jinfetħu għal residenti f’postijiet oħra bħal tal-Landrijiet, il-Baħrija u Ħad Dingli sakemm eventwalment l-iskemi jkopru lill-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella spjega kif ser ikunu qed jaħdmu dawn l-iskemi b’rati favorevoli għar-residenti: “Irid ikollok bilfors il-permess tal-bini u tkun ir-residenza tiegħek. Issa ħa nagħtu l-opportunità li jsir xiri dirett b’rati ferm tajbin u l-istess rati tista’ ukoll jinqalbu f’ċens perpetwu li jinfeda minn tal-inqas fi ħmistax-il sena.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri stqarr kif dawn il-każijiet imorru lura għal għexieren ta’ snin u nħolqu minħabba anomaliji fil-liġi li tul is-snin qatt ma ġew indirizzati: “Għalhekk b’din l-iskema ħa nkunu qed nagħtu serħan il-moħħ u dak li forsi ma kellhomx il-kuraġġ jinidirizzaw għal dawn l-aħħar erbgħin, ħamsin sena, dan il-Gvern qiegħed jindirizza ukoll din il-problema b’din l-iskema.”