Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar it-tnedija ta’ żewġ skemi oħra fi ħdan l-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes.
Dr. Borg stqarr li dawn iż-żewġ skemi, l-‘SME Diversification and Innovation Grant Scheme’ b’allokazzjoni ta’ €8 miljuni u l-‘SME Internationalisation Grant Scheme’ b’allokazzjoni ta’ €2 miljuni ser ikomplu jassistu lill-intraprizi li joperaw f’setturi varji sabiex jimmassimizzaw il-potenzjal li għandom sabiex jinvestu u jikbru, jiġġeneraw l-impjiegi, kif ukoll sabiex isiru aktar kompetittivi.
Madwar 250 intrapriża micro, żgħar u medji huma mistennija jibbenefikaw minn dawn iż-żewġ skemi, stqarr Ian Borg.
Dawn l-aħħar żewġ skemi qed isegwu il-passi tal-‘SME Growth Grant Scheme’ li għandha allokazzjoni ta’ €8 miljuni u tal-‘iStart-up Investment Grant Scheme’ b’ allokazzjoni ta’ €7 miljuni.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega li s-sopravvivenza u l-potenzjal tat-tkabbir ta’ intrapriża jiddependi mill-kapaċità tal-intrapriża li tieħu deċiżjonijiet f’waqthom biex tiddiversifika jew timplimenta tibdil fil-proċessi tagħha.
L-‘SME Diversification and Innovation Grant Scheme’ hi mmirata sabiex tassisti lill-SMEs permezz ta’ għotja sabiex ikopru parti mill-ispiża eleġibli meta jinvestu fi strateġiji ffukati sabiex jimplimentaw investiment favur diversifikazzjoni; bidla fundamentali, jew lejn investiment biex l-intrappriża iddaħħal fis-suq prodotti/servizzi li huma aħjar jew iżjed avvanzati minn dawk li diġa toffri. L-allokazzjoni anwali indikattiva għal din l-iskema hi ta’ €1.6 miljun. Taħt din l-iskema intrapriżi jistgħu jirċievu għotja sa massimu ta’ €200,000 b’rata ta’ għajnuna fuq l-ispiża eleġibbli ta’ 50%.
L-iskema ‘SME Internationalisation Grant Scheme’ hi intiża sabiex tiffaċilita l-proċess lejn l-internazzjonalizazzjoni tal-SMEs permezz ta’ parteċipazzjoni attiva f’Fieri Internazzjonli li jippromwovu n-negozju. L-iskema hi maħsuba sabiex tassisti intrapriżi micro, żgħar u medji permezz ta’ għotja b’rata ta’ għajnuna ta’ 50% fuq l-ispiża eleġibbli sa massimu ta’ €10,000. L-allokazzjoni anwali indikattiva għal din l-iskema hi ta’ €400,000.
Dawn l-iskemi identifikati ser ikunu immaniġġjati permezz ta’ ‘open rolling-call’ u applikazzjonijiet ser jibdew jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, 10 ta’ Ottubru 2016.