It-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-ħdax-il sena ser ikunu jistgħu jgawdu minn ħalib b’xejn permezz ta’ numru ta’ vouchers li ser ikunu qed jingħataw lill-ġenituri tagħhom.
Dawn b’mod volontarju ser ikunu jistgħu jiġbru l-ħalib mingħand tal-merċa permezz ta’ dawn il-kupuni. Il-Ministru għall-agrikoltura u l-ikel Anton Refalo spjega li permezz ta’ din l-iskema l-Gvern ser jassigura li t-tfal Maltin u Għawdxin jkollhom aċċess għall-ħalib frisk Malti.
Il-Ministru Refalo stqarr: “Aħna għamilna skema taż-żmien tal-Covid illi rajna kif għamilna illi l-ħalib frisk, il-prodott Malti jasal ukoll għand it-tfal tagħna, bejn it-tlieta u l-ħda-il sena fil-Primarja. Għalhekk għamilna dawn il-‘vouchers’ illi jingħataw lill-ġenituri tagħna, tat-tfal tagħna, biex jistgħu jiġbruhom u hemmhekk ukoll ikollok it-tfal tagħna qegħdin jiġu assigurati li qed jieħdu l-ħalib frisk, il-ħalib bnin Malti.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat kif din hija wkoll parti mill-esperjenza edukattiva ħolistika għat-tfal Maltin u Għawdxin li ser ikomplu jkunu mgħallma dwar l-importanza li jieklu u jixorbu ikel u xorb bnin.
Din l-iskema qed issir b’investiment ta’ erba’ mija u erbgħin elf ewro, b’mitejn u sittin elf ewro minnhom huma fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif din ser tkun kampanja edukattiva dwar l-importanza li wieħed jgħix ħajja b’saħħitha.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal, “Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej ser inkomplu nippromovu favur ħajja sana u l-użu ta’ ikel bnin anke min-naħa tat-tfal żgħar, huwa punt edukattiv biex dan it-tip ta’ ‘healthy living’ inkomplu nippromovuh filwaqt illi anke jiġu kkunsmati prodotti lokali.”
Il-wiċċ ta’ din il-kampanja ser ikun il-karattru ‘Ninu l-Bninu’ li l-għan tiegħu huwa li jgħaddi messaġġ b’saħħtu favur l-importanza li wieħed jiekol ikel bnin.