Il-paga ta’ kull impjieg ġdid se tesperjenza rifużjoni ta’ tletin fil-mija sa massimu ta’ sitt elef ewro.
Rifużjoni li se tingħata mill-Gvern u li se tinċentiva żieda fil-ħaddiema f’Għawdex.
F’Għawdex tnediet skema biex is-settur privat Għawdxi joħloq aktar impjiegi.
Din l-iskema se tagħti rifużjoni ta’ tletin fil-mija tal-paga sa massimu ta’ sitt elef ewro għal kull impjieg ġdid fis-settur privat fuq kuntratt ta’ tliet snin.
Waqt konferenza stampa li saret fil-Gozo Business Centre, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-iżvilupp sostenibbli tal-gżira Għawdxija jiddependi mis-settur privat.
Irrimarka li b’hekk, il-gvern għandu rwol li jinċentiva lis-settur privat sabiex l-ekonomija tkompli miexja ‘l quddiem.
L-iskema tħabbret f’mument fejn Għawdex qed jesperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent matul dawn l-aħħar snin.
Huwa kkonkluda billi tkellem dwar kif dil-miżura trid tibgħat sinjal qawwi li Għawdex għandu potenzjal għall-investiment produttiv, sew fis-setturi eżistenti kif ukoll dawk ġodda.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat kif l-iskema ġiet imfassla u implimentata wara li kien hemm diskussjoni mal-komunita kummerċjali Għawdxija u l-Ministeru għall-Finanzi.
Il-Ministru Caruana kkwotat statistika tal-NSO li turi kif sa Diċembru 2016, l-akbar ammont ta’ impjiegi f’Għawdex kienu ġġenerati mis-settur privat.
L-applikazzjonijiet huma disponibbli minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt jew mill-mobile app ‘mygozo’.