Huwa stmat li, kull sena, kull dar f’pajjiżna tixtri madwar 500 flixkun ilma
Huwa proprju għalhekk li l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża nieda tliet tipi ta’ għotjiet għal sistemi ta’ purifikazzjoni tal-ilma.
Minbarra li din l-iskema se tkun qed tgħin lill-ambjent b’mod dirett, se tkun ukoll qed tipprovdi kwalità u togħma aħjar tal-ilma.
Fil-fatt, minn studju li sar fl-Univeristà ta’ Yale, fl-Istati Uniti, il-kwalità tal-ilma f’pajjiżna hija ma’ ta’ fuq nett fost l-aqwa għaxra fl-Ewropa.
Din l-iskema, bl-isem ‘Be Water Smart’, b’investiment ta’ miljun ewro, hija maħsuba sabiex tappoġġja lill-familji li qed jinvestu fil-filtrazzjoni tal-ilma u sistemi domestiċi tar-reverse osmosis.
Dawn it-tliet skemi jinkludu sistemi ta’ filtrazzjoni tal-ilma b’wastewater, reverse osmosis mingħajr ritorn ta’ wastewater, u reverse osmosis b’wastewater ritornat fil-ħażna tal-ilma residenzjali.
1. Be Water Smart: Water Guard, applikabbli għal sistemi ta’ filtrazzjoni tal-ilma. Ir-rata tal-għotja hija ta’ 40% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta’ €100.
2. Be Water Smart: RO Wave, applikabbli għal sistemi ta’ reverse osmosis. Ir-rata tal-għotja hija ta’ 15.25% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta’ €100.
3. Be Water Smart: RO Recycle, applikabbli għal reverse osmosis b’wastewater ritornat fil-ħażna tal-ilma residenzjali. Ir-rata tal-għotja hija ta’ 40% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta’ €300.
Minkejja li l-Gvern kien diġà qed jgħin finanzjarjament, l-għajnuna issa se tikber b’mod sostanzjali, anke sabiex jitnaqqas il-carbon footprint.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li permezz ta’ kampanji bħal ‘Saving Our Blue’, jinġabru madwar 200 kilo fliexken u tappijiet tal-fliexken minn inizjattivi ta’ tindif li jsiru fuq bajjiet kif ukoll f’qiegħ il-baħar. In,zjattivi ta’ din ix-xorta jgħinu sabiex jitnaqqas dan l-ammont.
Hija żiedet tgħid li dan se jkun qed iqarreb lil pajjiżna lejn l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, magħrufa aħjar bħala SDGs, kif ukoll għas-single-use plastic strategy u l-waste management plan.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li “Permezz ta’ tliet skemi differenti, qegħdin naraw li ninċentivaw dawk is-sistemi li ma jaħlux ilma. Jiġifieri, jekk qed nitkellmu fuq reverse osmosis li ma jkollux wastewater, jew inkella li dak il-wastewater jerġa’ jiġi użat, u qed ikun inċentivat aktar. Se nkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħna biex l-ilma f’pajjiżna, apparti li huwa diġà sikur, ikompli jkun ta’ togħma tajba. Allura, dawn l-iskemi jorbtu wkoll mal-investiment li għaddej bħalissa f’pajjiżna biex it-togħma tal-ilma fid-djar tagħna tkun waħda tajba u tajba ħafna.”
Huwa stmat li permezz ta’ din l-iskema se jkun hemm tnaqqis ta’ madwar tliet miljun flixkun tal-plastik kull sena.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur servizz.gov.mt jew iċempel 153.
Ritratt: Forbes