Raġel li allega li huwa l-Ministru għad-Difiża Franċiż Jean-Yves Le Drian talab żewġ miljun dollaru lin-negozjant Franċiż Olivier de Boisset f’każ ieħor ta’ frodi.
Boisset intalab jgħaddi żewġ miljun dollaru permezz ta’ transfer bil-bank biex jgħin lill-Gvern Franċiż jeħles ċittadini Franċiżi li allega li qed jinżammu ostaġġi minn grupp terroristiku fil-Mali.
Ir-raġel li kien liebes maskla tal-Ministru Franċiż ċempel lin-negozjant permezz ta’ video-call, biex jikkonvinċi lin-negozjant u qallu li għandu bżonn il-flus għaliex l-istat ma jħallasx għal dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet. Ir-raġel kompla billi assigura lil Boisset li l-Bank Ċentrali Franċiż se jkun qed iroddlu lura l-flus.
Olivier de Boisset issuspetta li din hija skema ta’ frodi, iżda ma mmaġinax li l-frodist se jkun qed jaħdem skema ta’ dan il-livell. Boisset kien wieħed mill-150 vittma ta’ din l-iskema frodista li qarqet ukoll b’kapijiet eżekuttvi ta’ diversi kumpaniji u li ilha għadejja għal sentejn sħaħ.