Kważi miljun ewro ser jiġu ddedikati fi skema li tħeġġeġ l-innovazzjoni fi ħdan il-Gvern lokali fir-rigward ta’ immaniġjar tal-iskart.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif il-kunsilli lokali ser ikunu liberi biex jaħsbu f’ideat innovattivi biex jaqdu lill-komunità tagħhom.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera stqarr li din l-iskema ser tagħti l-opportunità lil kull kunsill lokali biex jindirizza l-ħtiġijiet tiegħu b’soluzzjoni mfassla apposta għalihom.
Il-Ministru Herrera saħaq li ambjent aħjar tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar.
Qal kif, “Dan il-fond ta’ kważi miljun ewro huwa intenzjonat biex kull kunsill japplika magħna b’xi idea innovattiva ta’ kif jista’ jemeljora l-ġbir tal-iskart b’mod aktar effiċjenti, jikkonvinċina u jieħu l-flus li japplika għalihom. Però jien mhux se nindaħallu għax il-kunsill huwa elett, huwa gvern. Jien nista’ ntih il-flus, intih l-għodda ngħidlu jien qed nagħtihomlok biex tużahom għal dan l-oġġett però mbagħad kif se tużahom inti trid tiġini bl-idea tiegħek.”