Bi skema ta’ tmien mitt elf ewro fuq medda ta’ sentejn, il-ħames Reġjuni tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna jistgħu jimpjegaw magħhom sitt uffiċjali sabiex iservu ta’ spalla teknika u professjonali għall-Kunsilli Lokali fid-diversi proġetti li jwettqu u s-servizzi li joffru għar-residenti tagħhom.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera, fejn fiha ġie spjegat kif dawn l-uffiċjali ser ikunu iffukati fl-oqsma kruċjali tal-ambjent, l-immaniġjar tal-iskart, il-kultura, l-aspett soċjali, it-teknoloġija u anke l-ġid tar-residenti.
Il-Ministru Herrera spjega l-importanza li tingħata l-għajnuna lil kull Kunsill Lokali f’pajjiżna sabiex jaħdmu favur kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.
Qal kif, “Biex jiffunzjonaw il-Kunislli Lokali għandhom bżonn sostenn prattiku u għandhom ukoll bżonn sostenn ekonomiku. Aħna nemmnu wkoll li r-reġjuni għandhom irwol aktar importanti x’jilgħabu. Kif qed ngħinuhom? L-ewwelnett l-ammont ta’ flus li ninjettaw direttament lill-Kunsill illi reġa’ żdied din is-sena, flus għal skemi u outreach għal fondi minn UE.”
Il-Ministru Herrera, fil-preżenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Lokali, qal li l-Gvern jemmen fit-tisħiħ tal-Gvernijiet Lokali u għalhekk fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar aktar skemi favur il-Kunislli u r-residenti tagħhom.
Id-Direttur Ġenerali għall-Kunsilli Lokali Natalino Attard saħaq kif investiment bħal dan se jara aktar proġetti inovattivi li jitwettqu fil-qalba tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.