L-Assoċjazzjonijiet Sportivi f’Għawdex se jkunu jistgħu jixtru tagħmir sportiv kif ukoll itellgħu iżjed attivitajiet sportivi permezz ta’ skema sportiva ta’ ħamsa u sebgħin elf ewro.
Kull assoċjazzjoni sportiva Għawdxija tista’ tgawdi sa massimu ta’ ħamest elef ewro.
Sabiex jkunu evalwati l-applikazzjonijiet kollha, se jinħatar bord li se jagħżel liema assoċjazzjonijiet u proġetti se jkunu jistgħu jgawdu minn din l-iskema.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq li skemi bħal dawn juru kemm il-Gvern jemmen fil-qasam sportiv.
Saħaq li l-proġetti li qed isiru f’Għawdex se jtejbu l-kwalità tal-ħajja kif ukoll jkomplu jssaħħu l-qasam sportiv permezz ta’ iżjed opportunitajiet u spazji fejn l-atleti jistgħu jiżviluppaw it-talent tagħhom.
Il-Ministru Camilleri qal, “Fejn jidħlu mbagħad proġetti sportivi kif għaddejjin propju bħalissa kemm fil-kostruzzjoni tal-ewwel ċentru akwatiku sportiv ġewwa Għawdex kif ukoll b’investimenti li qegħdin isiru kemm fix-shooting range taż-Żebbuġ kif ukoll imbagħad fil-korsa taż-żwiemel li qegħda tattira diversi atleti u diversi kompetizzjonijiet minn ġimgħa għall-oħra.”