Il-Gvern ħabbar skema, b’investiment ta’ €700,000, sabiex jagħti għajnuna lis-sajjieda minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Din l-iskema se tgħin lil 390 sajjied lokali full-time sabiex itaffi mill-għoli tal-prezzijiet tal-fjuwil kaġun tal-isfidi internazzjonali u b’hekk il-prezzijiet tal-ħut għall-konsumatur jibqgħu stabbli.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, taw dettalji dwar din l-iskema meta indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fir-raħal tas-sajjieda, Marsaxlokk.
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif, għal darb’oħra, il-Gvern qed jgħin lis-sajjieda permezz tal-fondi nazzjonali. Ħabbar li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex ikun hemm iżjed skemi.
Qal, “Qegħdin naħdmu fis-sens illi naraw illi s-sitwazzjoni tad-dinja, mhux biss tal-Ewropa, tad-dinja, għas-sena li ġejja tkun l-istess jew agħar, allura rridu li nilqgħu minn qabel u għalhekk qed nipproponu skemi, għajnuna – kollox, irrid ngħid, minn fondi nazzjonali sabiex naraw li dawn is-setturi ma jbatux għax wara kollox dawn huma s-setturi tal-ikel u huwa settur tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru Refalo nnota li, f’dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali, din mhijiex l-unika għajnuna li qed jagħti l-Gvern, għax diġà ta għajnuna għall-għalf u anki għal dawk li jrabbu l-majjal, fost l-oħrajn.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-Gvern sema’ lis-sajjieda u, permezz ta’ din l-iskema, se jkun qed jgħinhom.
Hija spjegat li, minbarra li se tgħin lis-sajjieda fil-ħidma tagħhom, se tkun qed iżomm stabbli l-prezz tal-ħut lill-konsumaturi.
Qalet, “Din l-għajnuna se tkun direttament għas-sajjieda sabiex intaffu l-prezzijiet tal-fjuwil illi qed ikomplu jżidu l-ispejjeż tal-operat tagħhom. Però, b’dan il-mod, ladarba inti qiegħed tgħin lis-sajjieda u qed ittaffilu mill-ispejjeż tiegħu, dan se jkun qed jirrifletti fil-prezz tal-ħut, li fl-aħħar mill-aħħar jasal għand il-konsumatur. B’hekk, din hija skema li hija direttament għas-sajjieda u għall-familji tagħhom, però hija indirettament għall-konsumatur Malti u Għawdxi.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li s-sajjieda se jirċievu l-applikazzjoni f’darhom sabiex igawdu minn din l-iskema u din jibgħatuha bil-posta lid-Dipartiment tas-Sajd.
Is-sajjieda għandhom ċans japplikaw sad-29 ta’ Lulju.