Permezz tal-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Gvern ħabbar skema ta’ mitejn elf ewro għall-koperattivi rikonoxxuti tal-produtturi tal-majjal.
Din l-iskema tħabbret sabiex tgħin lil dan is-settur wara dak li ġarrbu f’dawn l-aħħar sentejn, kemm minħabba d-daqqa tal-pandemija kif ukoll kaġun tal-isfidi internazzjonali. Fost l-oħrajn, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezz tal-ġwież għola sew u din l-għajnuna min-naħa tal-Gvern se twassal biex ikun hemm prezzijiet stabbli għall-konsumaturi.
L-iskema ħabbarha l-Ministru responsabbli mill-Biedja, Anton Refalo, li tkellem dwar ir-rilevanza tagħha f’dan il-mument.
Qal, “Għall-ewwel darba se noħorġu skema importanti, fejn aħna, lill-Koperattiva, per se lillha nnfisha, sejrin nagħtuha sostenn ta’ €200,000 sabiex din tkun tista’ tmexxi l-operat tagħha, għaliex għalina importanti, għaliex dan is-settur insaħħuh u nġibuh ’il quddiem.”
Din l-għajnuna qed tingħata anki fid-dawl ta’ laqgħa riċentii tal-Kunsill tal-Ministri tal-Biedja tal-Unjoni Ewropea, li fiha l-Ministri tal-Istati membri qablu dwar prezzijiet stabbli.
Il-Gvern Malti qed jagħti din l-għajnuna ulterjuri lill-bdiewa u r-raħħala lokali sabiex jittaffa ftit mill-piż addizzjonali li qed iġorru bħalissa. Din l-għajnuna tal-Gvern tingħaqad ma’ għajnuniet oħra li qed jingħataw fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, fosthom għajnuna lill-importaturi biex jaħżnu aktar qmuħ u ġwież mingħajr spejjeż żejda għalihom, bil-Gvern se jagħmel tajjeb għalihom.