Il-Gvern ħabbar it-tnedija ta’ skema immirata għal negozji żgħar ħafna magħrufa aħjar bħala ‘micro.’
Dan biex bħala parti minn kullana ta’ skemi oħra li b’kollox għandhom allokazzjoni ta’ €15-il miljun, din l-iskema partikolari tkompli tgħin lil dawn it-tip ta’ negozji jindirizzaw it-trawwim diġitali, intelliġenti u reżiljenti.
Fil-fatt, spjega aktar dwar dan il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet, li sostna kif it-triq ’il quddiem għan-negozji tagħna hija d-diġitalizazzjoni.
Il-Ministru Silvio Schembri qal “Ħriġna din l-iskema ta’ €2 miljun li tikkwalifika għalihom biss sabiex naraw kif dawn in-negozji ż-żgħar nassistuhom b’fondi diretti sabiex huma jkunu jistgħu jinvestu fi pjattaformi diġitali, f’apparat diġitali neċessarju sabiex ikomplu jimxu mal-politika tal-Gvern f’dik l-istrateġija li nedejna.”
Il-Ministru Schembri kompla jispjega kif din l-iskema hija parti mill-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u Reżiljenza li identifika 17-il investiment u 30 riforma appoġġjati minn €316.4 miljun f’fondi biex Malta tkompli tkun reżiljenti.
Taħt din l-iskema, l-ammont massimu li kumpanija tista’ tapplika għalih huwa ta’ €10,000 għal kull investiment ta’ diġitalizazzjoni f’teknoloġiji diġitali b’finanzjament parzjali sa 50% għall-investiment f’Malta u 60% għal investiment f’Għawdex.
Is-Sur Noel Farrugia, id-Direttur Maniġerjali ta’ Brittania Services Ltd, sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ skemi.
Id-Direttur Maniġerjali stqarret li “Hija xi ħaġa li qed tgħina ħafna biex nistgħu nibqgħu għaddejjin, inkabbru x-xogħol tagħna u nkunu iżjed professjonali biex nistgħu nħabbtuha ma’ pajjiżi u ma’ operaturi ikbar minnha.”
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett sostna li dawn l-iskemi minn naħa tal-Gvern waslu grazzi għal fondi ewropej partikolarment mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Huwa rrimarka wkoll l-importanza tal-konsultazzjoni biex dawn l-iskemi jidħlu fis-seħħ.
Is-Segretarju Parlamentari, Chris Bonnet qal li “B’dawn il-fondi ewropej qed naraw li smajna s-suq kif dejjem nagħmlu, nikkunsaltaw man-nies u kien hemm il-bżonn partikolari fis-suq tagħna li dawn il-micro-business, dawn iż-żgħar ħafna jkollhom l-opportunità jagħmlu l-pjattaformi diġitali tagħhom iktar reżiljenti.”