Tnediet skema ta’ żewġ miljun ewro minn Fondi Ewropej li minnhom jistgħu jibbenefikaw negozji żgħar u medji biex jixtru makkinarju ġdid għan-negozju tagħhom.
Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u Medji, Silvio Schembri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Il-Ministru Silvio Schembri qal kif din l-iskema se tkun qed tassisti b’mod dirett lin-negozji f’pajjiżna – liema negozji żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija.
Sostna kif dan il-Gvern ra kif jista’ jkompli jgħin lil dawn in-negozji, u filwaqt li ħadem biex jissimplifika l-proċess tal-applikazzjonijiet għal skemi bħal dawn – nieda skema li se tkun qed tgħin biex l-istess negozji jkunu jistgħu jtejbu l-operat tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari, Chris Bonett, spjega kif dak li qed naraw illum huwa frott ta’ għaxar xhur ħidma hekk kif wara li ġiet analizzata s-sistema, il-Gvern ra kif tista’ titnaqqas il-burokrazija biex b’hekk aktar negozji jibbenefikaw u jagħmlu użu minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Spjega kif issa l-proċess ta’ kif wieħed japplika huwa wieħed aktar issimplifikat fejn kull ma jinkludi huwa li timtela’ l-applikazzjoni, jinġabru tliet kwoti u minn hemm jimtlew id-dettalji meħtieġa tal-makkinarju li wieħed jixtieq jixtri.
Qal kif filwaqt li qabel is-sistema kienet li jekk wieħed jinsa jannessa dokument, l-applikazzjoni kienet taqa’ – iżda permezz tas-sistema ġdida li tnaqqas il-burokrazija, dak li jkun se jingħata perjodu ċans biex iwassal id-dokumenti meħtieġa.
B’hekk, qal, aktar negozji jingħataw iċ-ċans li jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea, liema fondi għandhom jagħmlu użu minnhom.
Din l-iskema li se tiftaħ fl-1 ta’ Frar 2023, se tkun qed tieħu post skemi eżistenti li se jagħlqu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, mill-programm ta’ fondi 2014-2020.