Il-Gvern ħabbar it-tnedija ta’ skema ta’ €12-il miljun b’fondi Ewropej bil-għan li aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-iskema Access Employment tnediet mill-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Huma spjegaw li din l-iskema se tiġi amministrata mill-Jobs+ bil-għan li persuni żvantaġġati jidħlu malajr fid-dinja tax-xogħol. Fost dawk li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema hemm żgħażagħ, persuni li għandhom iktar minn 24 sena u li ilhom 6 xhur bla xogħol, persuni ta’ iktar minn 50 sena, persuni li għandhom edukazzjoni sa livell sekondarju, u persuni b’diżabilità.
ONE News tkellem mas-Sur Anthony Cauchi, fundatur tal-organizzazzjoni volontarja Happy Parenting Malta, li rrefera għall-effettività ta’ din l-iskema.
“L-A to E hija l-iktar waħda li bbenefikajna minnha. Kellna tliet persuni li kienu fl-A to E, jiġifieri l-Access to Employment. Naprezzaw li dawn il-fondi mill-Unjoni Ewropea li qed jingħataw lil għaqdiet bħal tagħna biex inkomplu nagħtu sostenn lil familji bħal dawn fil-bżonn u fl-istess ħin l-għaqda tagħna li tkompli bil-ħidma tagħha.”
Preżenti għal din il-konferenza, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, sostna li pajjiżna għandu waħda mill-aqwa rati ta’ persuni li jaħdmu filwaqt li r-rata ta’ qgħad hija baxxa ħafna. Minkejja dan sostna li, permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern qed jassigura li jkompli jiggarantixxi u jiffaċilita l-aċċess għax-xogħol f’pajjiżna.
Intant, il-Ministru Schembri semma s-suċċess ta’ din l-iskema, li permezz tagħha fl-aħħar snin mat-3,200 persuna sabu xogħol b’51% kienu nisa, 15% qabżu l-età ta’ 54 sena, u 16% kienu persuni b’diżabilità.
Dan filwaqt li 78% kienu persuni li kienu barra d-dinja tax-xogħol għal aktar minn sentejn.
“L-iktar importanti huwa li f’din l-iskema bbenefikaw s’issa minn kemm ilha teżisti ’l fuq minn 3,200 persuna. Dan ifisser 3,200 persuna li għandhom ċerti sfidi partikolari biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u llum għandhom id-dinjità li jqumu filgħodu u jmorru jagħmlu xi ħaġa produttiva x-xogħol.”
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li din l-iskema qed tiġi ffinanzjata b’fondi Ewropej mill-Fond Soċjali Ewropew+, li fih hemm allokati 40 miljun ewro biex isir aktar investiment fil-ħaddiema u s-suq tax-xogħol ikun aktar reżiljenti.
Dr Bonett sostna li s-sabiħ ta’ din l-iskema hija l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, min iħaddem, u l-ħaddiema biex flimkien ikomplu jinvestu fis-settur tax-xogħol filwaqt li jiġu offruti aktar impjiegi ta’ kwalità.
“Meta inti jkollok employer li jkun f’din l-iskema u jħaddem ħaddiem permezz ta’ din l-iskema se jkun qed jieħu sa 50% tal-minimum wage min-naħa ta’ dawn il-fondi. Jekk iħaddem persuna b’diżabilità dan l-ammont jitla’ għal 70%, jiġifieri hawnhekk qed nuru b’mod konkret kif il-Gvern qiegħed, permezz tal-fondi Ewropej, jixpruna s-settur tax-xogħol u jiġbed iktar nies lejn is-settur tax-xogħol.”