Il-Ministeru għall-Inkulżjoni nieda skema ta’ mitt elf ewro biex is-soċjetajiet mużikali f’pajjiżna jkunu aktar inklussivi.
Kull soċjetà mużikali tista’ tibbenefika sa massimu ta’ għaxart elef ewro.
Is-soċjetajiet iridu joħorġu bi proġetti innovativi li jħeġġu parteċipazzjoni akbar tal-persuni b’diżabilità.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, saħqet li s-soċjetajiet mużikali huma pilastri importanti fil-lokalitajiet allura huwa kruċjali li jkunu aktar aċċessibbli u jinkludu lil kulħadd.
“Naraw li aktar ma jgħaddi żmien aktar dawn is-soċjetajiet mużikali ikunu aċċessibbli. Mhux biss b’mod fiżiku iżda wkoll b’mod intelletwali kif ukoll sensorali. U allura din l-iskema ta’ mitt elf ewro tindirizza proprju dan il-ħsieb,” tenniet Farrugia Portelli.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella qal li biex tibbenefika, is-soċjetà trid tkun irreġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volonatarji.
“Tajjeb ukoll li nsemmu li l-proġetti iridu jkunu proġetti nnovativi sabiex verament nassiguraw l-element tal-inklużjoni. Inklużjoni li trid tkun mhux biss inklużjoni ta’ fuq il-karta imma l-inklużjoni li vera ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies,” sostna Vella.
Is-soċjetajiet mużikali jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-aħħar ta’ Lulju.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Ministeru.