B’investiment ta’ €700,000 tnediet l-iskema għall-Wirt Artistiku, li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar, u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici, fejn intqal li l-iskema ta’ din is-sena, immexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti, se jkollha żieda ta’ mitejn elf ewro (€200,000) fuq l-investiment preċidenti.
Permezz ta’ din l-iskema, il-każini tal-baned jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €8,000 għal kull proġett, waqt li l-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi jistgħu jitolbu sa €5,000 f’fondi.
Il-Ministru Bonnici fakkar li l-festa Maltija issa hi wkoll wirt intanġibbli dinji skont il-UNESCO u dan jitfa’ iktar piż fuq l-awtoritajiet biex jassiguraw li dan il-wirt tant sabiħ ikompli jimxi ’l quddiem.
“Din is-sena qegħdin ngħidu li minflok €500,000 lill-festi Maltin se nagħtu €700,000, li hija żieda importanti ħafna, li se titqassam din id-darba b’mod differenti, fejn kull festa ta’ kull lokalità, kemm f’Malta u f’Għawdex, se tieħu sehemha mill-istess ammont biex nagħtu dak il-kuraġġ biex nagħtu din l-għajnuna sabiex il-qasam tas-soċjetà mużikali, sabiex il-qasam tal-armar u l-piroteknika jkomplu jimxu ’l quddiem u jkomplu jagħtu l-ispettakli tant sbieħ li tant il-Maltin huma kburin biha.”
L-applikazzjonijiet se jinqasmu darbtejn din is-sena, bl-ewwel applikazzjoni tingħalaq sat-2 ta’ April u t-tieni applikazzjoni se tingħalaq fit-8 ta’ Ottubru.