L-għotja għall-muturi li jaħdmu bil-petrol, li kienet intiża biex tippromwovi l-użu ta’ vetturi li jniġġsu anqas, kienet suċċess kbir tant li Transport Malta b’kollox ipproċessat 2,760 applikazzjoni. B’hekk, il-fondi kollha allokati għal din l-iskema – b’kollox €1.3 miljun, inkluża allokazzjoni addizzjonali ta’ €2.9 miljun – ġew eżawriti.
Din l-iskema, li tħaddmet fuq il-bażi tas-sistema li min jappika l-ewwel jieħu l-ewwel, ipprovdiet inċentivi finanzjarji għal min ried jixtri mutur li jaħdem bil-petrol.
Fi stqarrija, Transport Malta kkummentat li din l-għotja għal muturi li jaħdmu bil-petrol hija eżempju eċċellenti ta’ kif l-inċentivi jistgħu jħeġġu liċ-ċittadini biex jagħrfu jieħdu deċiżjonijiet favur l-ambjent.
L-aġenzija appellat lil kulħadd biex jieħu vantaġġ minn skemi simili, inklużi skemi oħra li bħalissa qed jiġu offruti minn Transport Malta.
Hemm ukoll skema oħra li l-Gvern qed joffri flimkien mal-Bank of Valletta u l-APS Bank, li toffri self b’rata ta’ imgħax 0% għal min se jieħu self biex jinvesti fi vettura elettrika jew ibrida u inizjattivi favur l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli.
L-Awtorità fakkret ukoll lix-xerrejja potenzjali kollha li l-iskemi l-oħra kollha mnedija ftit xhur ilu għadhom disponibbli għall-pubbliku.