- 531 żagħżugħ/a vjaġġaw b’tal-linja b’xejn f’Jannar u Frar
Fl-ewwel xahrejn minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema li kull min jagħlaq 18-il sena fl-2017 se jivjaġġa b’tal linja b’xejn għal sena, 531 passiġġier ibbenefikaw minn din l-iskema. Dan ifisser li l-iskema qed tħajjar aktar żgħażagħ jivjaġġaw b’tal-linja.
Permezz ta’ din l-iskema, 277 passiġġier vjaġġa b’xejn matul Jannar 2017, jiġifieri 64% minn dawk iż-żgħażagħ li għalqu 18-il sena u għandhom it-Tallinja card. Matul ix-xahar ta’ Frar in-numru ta’ żgħażagħ li bbenifikaw minn din l-iskema tela’ għal 531 jiġifieri 71%.
Iż-żieda nnuttata fi Frar ma kinitx biss fin-numru ta’ passiġġieri li bbenifikaw mill-iskema imma wkoll fin-numru ta’ vjaġġi li għamel kull passiġġier. F’Jannar, dawk li bbenifikaw mill-iskema għamlu medja ta’ 20 vjaġġ filwaqt li fi Frar din żdiedet għal 24 vjaġġ.
L-iskema tapplika għal kull tip ta’ tallinja card personalizzata u tibda malli persuna tagħlaq 18-il sena u tibqa’ fis-seħħ sa ftit qabel tagħlaq 19-il sena. Kull individwu jista’ jibbenifika sa massimu ta’ €312 fi kreditu tul is-sena.
L-Awtorità tagħti dan il-kreditu fuq kull tip ta’ rotta u vjaġġ li toffri l-Malta Public Transport kemm dawk ta’ matul il-jum, bil-lejl u r-rotot speċjali.