Tnediet l-iskema ‘Work Trial Scheme For Youths’ li se toffri opportunità liż-żgħażagħ Għawdxin jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol matul ix-xhur tas-sajf.
L-iskema hi mmirata għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena u se tlaqqhom ma’ entitajiet privati jew għaqdiet volontarji fejn b’hekk se jkunu jistgħu jesploraw postijiet tax-xogħol filwaqt li jiksbu esperjenzi utli għall-futur tagħhom.
Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti se jkollhom dħul ta’ €90 ewro fil-ġimgħa fejn jaħdmu għoxrin siegħa, b’total ta’ €450 ewro f’ħames ġimgħat mħallsa mill-Gvern lil min iħaddem.
Skont l-iskema ż-żgħażagħ mistennija jaħdmu bejn l-1 ta’ Awwissu u t-2 ta’ Settembru.
Madanakollu, min iħaddem jista’ jagħżel li jżid fuq id-dħul ta’ dawn iż-żgħażagħ jew inkella joffrilhom li jkompli jħaddimhom jew iżidilhom is-sigħat.
Din l-iskema tħabbret mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li stqarr kif din l-iskema qed torbot mal-ħafna investiment li qiegħed isir mill-Gvern fiż-żgħażagħ.
Huwa żied jgħid kif l-esperjenza fid-dinja tax-xogħol hija utli ferm hekk kif din qed tinbidel b’mod drastiku filwaqt li qed jiġu offruti karrieri ġodda.
B’hekk huwa importanti li ż-żgħażagħ ikunu mgħarrfa b’dawn l-oppportunitajiet.
Camilleri qal, “Għaldaqsant nemmnu li din hija a win-win situation fejn għandek lil min iħaddem li qegħdin ifittxu l-ħaddiema u nafu li hawn nuqqas ta’ ħaddiema. Però aktar minn hekk, opportunità liż-żgħażagħ tagħna jaħdmu fil-linja li jixtiequ tul dan is-sajf sabiex jew jitħarrġu fil-linja li jkunu qed jistudjaw jippruvaw niċċeċ ġodda sabiex imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet akkademiċi tagħhom aktar ‘l quddiem.”
L-applikazzjonijiet se jiftħu mill-4 ta’ Lulju u jagħlqu f’nofsinhar nhar it-8 ta’ Lulju.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit tal-Ministeru għal Għawdex jew mill-app ‘mygozo’.