Ħdax-il wirt storiku, li jinsabu f’diversi lokalitajiet u li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi, se jkunu qed jibbenefikaw minn restawr permezz ta’ skema maħruġa għas-seba’ sena konsekuttiva mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’konsultazzjoni mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Il-proġetti, li se jkunu qed igawdu minn din l-iskema, flimkien mal-lokalitajiet tagħhom, huma kl-Kappella tal-Madonna tal-Vitorja f’Birkirkara, is-Salib tal-Ġebel f’Ħal Balzan, il-Kinsja Parrokkjali tal-Manikata fil-Mellieħa, il-Ħajt Militari fil-Madliena fil-limiti tas-Swieqi, Għajn tal-Ilma fir-Rabat, Malta, il-faċċata ta’ Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi, żewġ niċeċ fl-Imqabba, il-faċċata taċ-Ċimiterju tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien, iz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata San Ġorġ f’Ħal Qormi, il-faċċata ta’ Palazzo Balcas fil-Ħamrun u l-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega kif għexieren ta’ lokalitajiet diġà gawdew minn din l-iskema fl-aħħar snin, fl-impenn ċar tal-Gvern li jippriserva l-patrimonji li għandu pajjiżna mferrxin fl-ibliet u l-irħula tagħna.
“Illum nidejna r-riżultat fejn ħabbarna li 11-il post f’diversi postijiet ta’ wirt storiku fil-lokalitajiet u bliet tagħna se jgawdu mill-iskema tar-restawr biex b’hekk id-Direttorat tar-Restawr jagħmel ir-restawr tiegħu għas-spejjeż tiegħu ta’ dawn il-11-il post storiku. S’issa fi tmin snin, li ilha taħdem din l-iskema, kien hemm 54 lokalità li gawdew minn din l-iskema. Aħna determinati li nkomplu mmexxu ’l quddiem il-wirt storiku ta’ pajjiżna.”
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li ħadd aħjar mill-kunsilli nfushom ma jafu kif ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet li jirrappreżentaw.
“Din hi t-tmin sena konsekuttiva li ħarġet din l-iskema ta’ restawr, għax hi skema mfittxija mill-kunsilli lokali f’Malta. Kif se jibbenefikaw? Billi tressqu proposti mill-kunsilli lokali stess, għax huma jafu l-aħjar bżonnijiet għal-lokalità tagħhom u allura issa se jkunu 11-il kunsill lokali ieħor li se jkunu qed jibbenefikaw minn xogħol ta’ restawr fil-lokalitajiet.”