- Għotja ta’ darba għall-persuni li kienu liċenzjati bħala ħaddiema tax-xatt bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007, u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu
Fi stqarrija l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li kif tħabbar fil-ġranet li għaddew, fost skemi oħrajn il-Gvern ħabbar li biex jindirizza inġustizzji marbuta max-xogħol se jkun qed joffri għotja ta’ darba għall-persuni li kienu liċenzjati bħala ħaddiema tax-xatt bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007, u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.
Dwar din l-iskema, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jixtieq javża lil dawk interessati li l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin min-nhar l-Erbgħa 3 ta’ Mejju, 2017 sa nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju, 2017.
L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Blokka A, Triq Francesco Buonamici, Floriana FRN 1700 bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. fid-dati msemmija hawn fuq. Il-Ministeru jixtieq javża li se jkun hemm uffiċjali inkarigati biex jilqgħu u jassistu fil-mili talapplikazzjonijiet.
Kopja tal-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb ukoll online mill-website www.infrastructure.gov.mt.
F’każ li l-applikanti prospettivi jinsabu emigrati, dawn jistgħu jibagħtu l-formola tal-applikazzjoni fuq l-indirizz elettroniku exportworkers.mti@gov.mt. Importanti li l-formola tal-applikazzjoni oriġinali tintbagħat xorta bil-posta tradizzjonali fuq l-indirizz li ġej sa mhux aktar tard mid-9 ta’Ġunju, 2017 fuq:
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura
Accounts Section,
Block A,
Triq Francesco Buonamici,
Floriana FRN 1700
Malta
Ta’ min ifakkar li din l-iskema hi miftuħa wkoll għall-eredi ta’ dawk il-ħaddiema tax-xatt li llum huma mejta. F’każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi kollha. Flimkien mal-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata wkoll dikjarazzjoni magħmula mingħand nutar li fiha jiġi ddikjarat min huwa/huma l-eredi.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema wieħed għandu jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, pubblikazzjoni nru 19,769 tat-2 ta’ Mejju 2017.