Tul dawn l-aħħar 7 snin, 869 student ibbenefikaw mill-Iskema NEET Activation.
Din l-iskema tipprovdi opportunità liż-żgħażagħ ta’ bejn il-ħmistax u erbgħa u għoxrin sena li mhumiex f’xi istituzzjoni edukattiva, impjieġ jew taħriġ biex jibbenefikaw minn taħriġ imfassal apposta u appoġġ psikosoċjali, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol li tippreparahom għad-dinja tax-xogħol.
Dan intqal waqt żjara fil-Melita Training and Resource Management mill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
ONE News tkellem mal-Kap tal-Iskola tal-Melita Training and Resource Management Pauline Fenech li qalet li dan il-programm jinkludi mitejn u erbgħin siegħa ta’ xogħol jew opportunità għal taħriġ professjonali, flimkien ma’ programm ta’ taħriġ ta’ madwar tmenin siegħa.
Fenech stqarret, “Hemm courses li huma relatati mad-dinja tax-xogħol u aħna nippruvaw noħolqu tmenin siegħa ta’ courses, f’dawn l-oqsma. Għandna courses bħal CV writing, għandna courses li jippreparawhom għall-interview, għandna courses fejn jaraw il-liġi tax-xogħol x’tirrekjedi.”
Waqt din iż-żjara, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal kif din l-iskema qed tgħin sabiex itejjeb l-iżvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ u jtejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex ikollhom karriera.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ saħaq dwar l-importanza tal-opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li skema bħal din tiswa’ madwar erba’ miljun ewro u qed tiġi ffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew.