Ġiet imnedija l-iskema ta’ żewġ miljun ewro li se tara t-tħaddir ta’ aktar bini f’żoni residenzjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia kif l-iskema se tiffinanzja 100% tal-ispejjeż biex isiru faċċati ħodor, ġonna vertikali u retrofitting ta’ front gardens eżistenti ta’ proprjetajiet privati f’żoni residenzjali. Ħwienet u uffiċċji li diġà għandhom front gardens f’dawn iż-żoni wkoll jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.
Hawnekk il-Ministru semma xi vantaġġi li dan iġib miegħu.
Qal kif, “Qegħdin naraw li nkomplu nħaddru aktar żoni u nafu li permezz ta’ dawn il-proġetti se nkomplu nnaqsu u nimmitigaw l-urbanizzazzjoni li għandna fil-pajjiż u allura ħa jgħin għal saħħa mentali imma wkoll għal stil ta’ ħajja ġdid li l-Maltin jixtiequ fiż-żoni ta’ fejn jgħixu u jaħdmu.”
F’din l-iskema, li hija amministrata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), hemm elliġibli xogħlijiet, inklużi spejjeż assoċjati ma’ xogħol ta’ installazzjoni, materjal, kiri ta’ tagħmir, pjan ta’ ħames snin għall-immaniġġjar ta’ dan il-ħajt u kwalunkwe spejjeż oħra ta’ konsulenza.
Din l-iskema se tiftaħ nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar 2021 u se tkun disponibbli fuq bażi ta’ first-come-first-served u tibqa’ miftuħa sad-9 ta’ April 2021 jew sakemm jintuża l-baġit kollu allokat.
F’kummenti Antoine Gatt, konsulent f’dan il-proġett, qal li din se ssaħħaħ ukoll il-bijodiversità f’Malta.
Spjega li, “Benefiċċji huma ħafna saru diversi studji u wħud minnhom huma illi żżid il-bijodiversità allura nakkwistaw dak li ngħidulu eco-system services.”
Preżenti Martin Saliba, iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, qal li fil-qalba tal-infrastruttura ħadra hemm il-prinċipju tal-koeżistenza, fejn irrid nibdew nirrelataw mal-ambjent naturali minflok niżviluppaw kunflitt miegħu.