Skema mill-Awtorità tal-Ippjanar se tkompli tippromwovi r-restawr u l-manteniment ta’ gallariji tal-injam, aperturi, bibien u gallariji miftuħa tal-ħadid ta’ binjiet li jinsabu fiż-żona tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Din is-sejħa ser tkun qed testendi l-għanijiet tal-iskema preċedenti hekk kif din it-tieni sejħa għal skema ma tapplikax biss għall-gallariji.
Il-Ministru Farrugia tenna li apparti xogħlijiet ta’ regolamentazzjoni ambjentali, proġetti ta’ afforestazzjoni, u l-protezzjoni tal-bijodiversità, il-Ministeru tiegħu qed jiffoka wkoll fuq it-titjib ta’ żoni urbani.
Qal kif, “Biex b’hekk ir-residenti jkollhom l-opportunità illi jkomplu jgħinu fir-riġenerazzjoni tal_Belt Valletta. Hija skema li tkompli tgħin it-turiżmu, l-qasam ekonomiku, kif ukoll il-qasam soċjali tal-pajjiż. Għaddejjin bil-ħidma tagħna biex inkompli nirriġeneraw iż-żoni urbani tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li din l-iskema tar-restawr tal-gallariji fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta se terġa’ tinfetaħ grazzi għall-fondi Ewropej.
Spjega li, “Fil-fatt qiegħda tiġii nvestita s-somma ta’ tliet mitt elf ewro għal din l-iskema minn fondi Ewropej li mhux biss ser ikun qed jgħin għal dan ir-restawr għal xi ħaġa li hija intrisikament Maltija iżda wkoll tkompli f’dan il-pjan estensiv għan-naħa ta’ Marsamxett li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu hawnhekk.”