Għall-ewwel darba, il-kunsilli lokali se jibbenefikaw minn skema għal proġetti ta’ żvilupp sostenibbli fil-komunità; skema ta’ €800,000.
Dan tħabbar waqt laqgħa li saret bejn il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, id-Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli,, George Said u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava.
F’din l-iskema, il-kunsilli lokali huma mħeġġa jipproponu proġetti li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u li jikkontribwixxu għall-ġid soċjali, ekonomiku u ambjentali. Dan se jwassal għat-titjib fl-aċċessibbilità, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa, u l-immaniġġjar tal-iskart, fost l-oħrajn.
Fi kliem il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali, din l-iskema se tgħin lill-kunsilli jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Fava qal, “Nemmnu bis-sħiħ illi, bħala katalisti fil-lokalitajiet, il-kunsilli għandhom ikollhom rwol primarju u ewlieni li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tagħhom. Ċertament illi dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw mill-kunsilli lokali sabiex jilħqu dan il-għan.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, spjegat li l-kunsilli lokali huma mistiedna japplikaw għal din l-iskema bi proposti li se jitwettqu fix-xhur li ġejjin. L-aħjar proposti se jibbenefikaw minn finanzjament sa ħamsa u tmenin fil-mija tal-ispiża tal-proġett, sa massimu ta’ tliet mitt elf ewro.
L-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sat-tlieta u għoxrin ta’ Settembru li ġej.