Sittax-il Kunsill Lokali se jingħataw sitt mitt elf ewro mill-Gvern biex jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fil-komun tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li b’din l-iskema, li turi l-kuxjenza soċjali tal-Gvern, se jitranġaw mitt blokka.
Qal, “M’hemmx dubju, qed nitkellmu fuq amministrazzjoni ta’ 5,600 appartament, issa ma’ dawn se jiżdiedu 1,700 appartament ieħor x’jiġu amministrati. B’din l-iskema, il-Kunsilli Lokali qed jgħinu u jiffaċilitaw lir-residenti, biex huma stess iħeġġuhom jibżgħu għall-partijiet tal-komun u fl-istess ħin iżommuhom fi stat tajjeb.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera qal kif il-Gvern qed iħalli r-responsabbiltà f’idejn il-Kunsilli Lokali biex b’din l-iskema, jgħinu lill-komunitajiet ta’ pajjiżna.
Spjega, “Għax hija skema illi qed issir u qed titħaddem bil-Gvernijiet Lokali. Jiġifieri l-Gvern Lokali qed nafdawh bi skema, qed nafdawh bi flus u peress li huwa qrib il-komunità u għandu jkun qrib il-komunità, hu jaf l-aħjar li għandu bżonn isir.”
Din l-iskema qed issir għall-ħames sena konsekuttiva, u sa issa l-Gvern investa fiha żewġ miljuni u nofs.