Skema ġdida tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat se toffri l-opportunità lill-għaqdiet volontarji biex jinvestu f’tagħmir iżjed effiċjenti. L-iskema, li l-applikazzjonijiet għaliha se jiftħu fit-tieni ġimgħa ta’ Mejju, se ssir b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Għaqdiet volontarji bħal klabbs sportivi, social support clubs, u għaqdiet ambjentali jistgħu japplikaw biex isir xogħol ta’ restawr ta’ ġwiebi, installazzjoni tat-tieni network tad-distribuzzjoni tal-ilma biex jintuża għall-ħażna tal-ilma tax-xita, kif ukoll biex jitjieb il-fluss tal-ilma, fost numru ta’ xogħlijiet oħra. L-għaqdiet jistgħu japplikaw ukoll biex itejbu s-sistemi tat-tisħin tal-ilma, jibdlu makkinarju, u jingħataw għajnuna għal sistemi ta’ dawl iżjed effiċjenti.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-ilma, Miriam Dalli, spjegat kif bosta għaqdiet huma interessati li jagħmlu proġetti biex ikollhom sistemi moderni tad-dawl u tal-ilma.
Qal, “Nafu kemm l-għaqdiet volontarji huma interessati li jagħmlu dan, però ħafna drabi l-ikbar ostakolu għalihom ikun proprju l-ispiża inizjali, u allura nemmnu li b’dan il-mod inkunu nistgħu ngħinu lilhom ukoll biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u anke fl-użu tal-ilma.”
Il-Ministru għall-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, tkellmet dwar kif il-Gvern impenjat li jkompli jinvesti fl-aktar minn elf u seba’ mitt għaqda volontarja f’pajjiżna.
Qalet, “Nemmen illi din l-iskema se tkun qed tibni fuq dak li komplejna ninvestu fih fis-snin li għaddew u minn hemmhekk se nkunu qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu favur NGOs li se jkunu qegħdin jimxu favur ħajja iżjed sostenibbli.”
Dawk interessati japplikaw għal din l-iskema jistgħu jattendu sessjoni ta’ informazzjoni online nhar il-Ħamis, 5 ta’ Mejju.