Il-Gvern ħabbar skema li permezz tagħha sidien ta’ postijiet jidħlu fi ftehim miegħu għal għaxar snin.
Dan biex filwaqt li l-gvern jikrihom mingħandhom permezz tal-Awtorità tad-Djar din tgħaddihom b’kirja lil dawk li jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali.
Il-Gvern se jikri l-postijiet taħt ċertu kundizzjonijiet u bi prezz issussidjat bis-sussidju jvarja skont l-ammont tad-dħul tal-persuna u l-kobor tal-appartament.
Biex sid ta’ proprjetà jidħol fi ftehim mal-Gvern din trid tkun residenzjali, u mibnija jew bil-permess diġà approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għalkemm għand l-Awtorità tad-Djar iridu jgħaddu lesti.
Is-Segretarju Parlamentari, Roderick Galdes, qal li hu maħsub li fi żmien qasir il-Gvern ikollu mitejn post disponibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Stephen McCarthy, fisser kif huma diversi l-inċentivi għal min jidħol f’din l-iskema.
Fejn qal li waħda mill-aktar inċentivi li hemm għal nies li għandhom din it-tip ta’ proprjetà li jistgħu jofruha għall-kiri għall-Awtorità tad-Djar hija li ma jħallsux taxxa.
Dan filwaqt li l-istess sidien se jkunu qed jirċievu ċ-ċekk bil-flus tal-kirja mingħajr l-ebda intopp.
L-applikazzjonijiet li se jkunu kkunsidrati minn panel indipendenti li jevalwa l-aħjar offerti u jagħmel l-aħjar għażla abbażi liema proprjetà jkollha l-aħjar valur għall-flus.
Dan kollu filwaqt li jassiguraw li jaqdu l-ħtiġijiet tal-klijenti tal-Awtorità tad-Djar.
Galdes ikkonkluda billi qal li l-Gvern ħa jkun qed jalloka miljun ewro bħala bidu għall-iskema.