L-entità responsabbli mis-sostenibilità fl-enerġija u l-konservazzjoni tal-ilma fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, flimkien mal-Malta Enterprise, niedew skema ġdida ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-industrija lokali.
L-iskema hija intiża biex tgħin fl-ispejjeż inizjali lil min itejjeb l-operat u d-disisnn tas-sistema li biha jopera n-negozju. Dan permezz ta’ inċentivi fit-taxxa u inċentivi ekonomiċi oħra. Dan l-eżerċizzju minnu nnifsu iżid il-kompetittività tal-investituri, speċjalment fis-swieq internazzjonali.
Fi stqarrija l-Malta Enterprise qalet li l-iskema tgħodd b’mod partikolari għal lukandi, sptarijiet u binjiet kummerċjali, fejn hemm domanda kbira għall-enerġija s-sena kollha. L-iskema kapaċi twassal għal tfaddil ta’ bejn 20% u 40% fl-ammont ta’ enerġija wżata u tnqqis bin-nofs tad-dijossidu tal-karbonju.
Il-Ministru Konrad Mizzi, fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, qal li l-Gvern kommess li jaħdem fuq aktar skemi simili. Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona qal li l-Gvern se jkompli għaddek b’politika li tħares il-bżonnijiet tan-negozji.