Il-BOV flimkien mal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp issiġillaw ftehim li se joffri self ta’ flus lin-negozji tal-familja. Dan il-ftehim se jkun qed jgħin mhux ftit lil dawn it-tip ta’ negozji sabiex ikollhom aktar aċċess għal flus sabiex ikunu jistgħu jkomplu jinvestu fin-negozju tagħhom.
Dan qalu l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona waqt id-diskors tiegħu f’konferenza dwar in-negozji tal-familja fil-Kamra tal-Kummerċ. Cardona stqarr li sa mill-ewwel jiem tiegħu dan il-Gvern dejjem għen lin-negozji sabiex ikomplu jikbru u issa aktar minn qatt qabel permezz ta’ din l-iskema se tkun qed jipprovdi l-fondi sabiex ikun jista’ jitkattar it-tkabbir.Dr Cardona rrimarka kif 98% tan-negozji Maltin huma żgħar jew medji bil-maġġoranza tagħhom ikunu mmexxija mill-familji. Dawn jammontaw għal madwar 80% tal-work force Maltija. Hawn Cardona stqarr li hija ħasra li ammont sostanzjali ta’ negozji jafaċċjaw sfidi kbar meta jiġu biex jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fil-fatt huma biss 16% tan-negozji li għandhom pjan formali tas-suċċessjoni. Filwaqt li 50% tan-negozji għaddew bejn l-ewwel ġenerazzjoni għat-tieni, kienu biss 21% li għaddew bejn it-tieni u t-tielet ġenerazzjoni bil-figura tonqos għal 12% meta waslu għar-raba’ ġenerazzjoni.
Waqt id-diskors tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Frank V Farrugia ħabbar ukoll li l-Kamra tal-Kummerċ nediet kumitat ġdid għan-negozji tal-familja. Huwa qal li dan il-kumitat se jkun qed jopera mill-Kamra tal-Kummerċ u se jiffunzjona bħala one stop shop għan-negozjanti Maltin. Hawn in-negozjanti jistgħu imorru bil-problemi tagħhom u dan il-kumitat ikun jista’ jagħti direzzjoni dwar kif jistgħu jiġu solvuti.