Ġiet imħabbra skema ġdida li titratta r-reviżjoni tal-kirjiet kummerċjali u r-rikonoxximent tal-istess kirjiet.
Dan sabiex ikunu indirizzati n-numru ta’ kirjiet kummerċjali mal-Awtorità tal-Artijiet li skadew jew waslu biex jiskadu.
Il-liġi kienet tgħid li ġaladarba kirja tiskadi l-prezz tal-propjetà trid issir permezz ta’ stima minn Perit.
Din l-istima peritali kienet tara l-valur kummerċjali u kienet waslet biex il-kirjiet kienu ser jiżdiedu b’mod esaġerat.
Il-Gvern għalhekk ħass li minħabba s-sitwazzjoni tal-lum minħabba l-pandemija u l-fatt li dawn huma ħwienet żgħar li ma jaffordjawx iħallsu kirjiet kbar ħafna, għandha tinstab soluzzjoni ta’ bilanċ.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri spjega kif illum din l-iskema ser tkun qed tagħti nifs ġdid u serħan il-moħħ lin-negozji żgħar.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Schembri ta rendikont taż-żidiet li mingħajr l-iskema dawk li jikru kien ser ikollhom iġorru.
Fost l-oħrajn ħanut fis-Siġġiewi kien ser jara żieda fil-kera ta’ 255%.
Ħanut f’Bormla kien ser jara żieda ta’ 3221%.
Din l-iskema hija limitata għal dawk il-kirjiet li skadew u qed jistennew tiġdid u dawk li ser jiskadu sas-sena 2023.
Il-kirjiet permezz tal-iskema ser jingħataw estensjoni sal-1 ta’ Ġunju 2028 b’żieda ta’ 5% fil-kera fis-sena.
Dan filwaqt li dawk li diġà aċċettaw il-kirja u bdew iħallsu il-kirjiet bil-prezz rivedut, ser ikunu qed jingħataw rifużjoni tad-differenza.
Dawk il-kirjiet li ġew aċċettati diġà u bdew jitħallsu iżda jiskadu wara l-1 ta’ Ġunju 2028, għandhom żewġ għażliet.
Jew li jinżamm dan il-kuntratt ta’ kirja l-ġdida jew li jiġi aċċettat li tidħol fl-iskema u din il-kirja tintemm fl-1 ta’ Ġunju 2028.
Il-Ministru Schembri spjega wkoll kif meta ġenitur li fuqu tkun il-kirja imut u l-kirja tkun trid tgħaddi fuq l-ulied, dawn ukoll jidħlu għal din l-iskema u l-kirja tiżdied biss b’5% fis-sena u mhux skont il-prezz tal-istima li jagħmel il-Perit.
Silvio Schembri spjega li għandek ’il fuq minn 400 negozju li ser ikun qed igawdi minn din l-iskema.
Spjega kif din hija skema li tiggarantixxi li f’dan iż-żmien ta’ pandemija, l-ekonomija f’pajjiżna tkompli tikber anke permezz tan-negozji ż-żgħar f’pajjiżna.
Huwa qal, “Dawn l-aħħar sena u nofs sentejn meta faqqgħet il-pandemija rajna l-Gvern li kien proattiv u għen ħafna lil familji u n-negozji, fl-istess ħin ridna naraw kif l-attività ekonomika inkomplu ngħinuha ħalli eventwalment tkompli tikber kif fil-fatt qegħdin juru ċ-ċifri. Dan ma jsirx b’kumbinazzjoni imma jsir billi jkun hemm ħafna ħsieb u naraw li nkunu nistgħu nindirizzaw ukoll ic-challenges li għandna quddiemna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella stqarr kif dawk eliġibbli ser tkun qed tintbagħtilhom notifika bl-informazzjoni kollha dwar din l-iskema u kif huma ser ikunu qed igawdu.
Huwa tenna: “Għalissa ħadd m’għandu għalfejn jagħmel xejn, speċjalment dawk li jidħlu direttament fl-iskema ħa jiġu notifikati b’ittra u l-invoice il-ġdida. Ser ikun hemm spjegazzjoni ta’ għaliex qed issir din l-iskema u kif ser taffettwahom b’mod pożittiv.”
Dwar ir-rikonoxximent tal-eredi f’kirjiet ta’ postijiet kummerċjali, stqarr kif din l-iskema ser tkun qed tgħin lilhom ukoll.
Robert Vella qal kif ħafna drabi jkun l-eredi stess li jitlob lill-Awtorità sabiex il-kirja tgħaddi għal fuqhom.