Il-kunsilli lokali se jibdew igawdu minn finanzjament għax-xiri ta’ siġar taż-żebbuġ u l-larinġ ħalli jitħawlu f’żoni pubbliċi fil-lokalitajiet tagħhom. L-iskema msejħa ‘Ġonna fl-Urban’ tħabbret mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Il-kunsilli huma mħeġġa japplikaw għall-iskema billi jidentifikaw żoni speċifiċi fejn jista’ jsir it-tħawwil tas-siġar, waqt li se jkunu eliġibbli għal finanzjament biex jinxtraw mill-inqas ħamsin siġra.
L-inizjattiva timxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna jkollu aktar żoni ħodor fl-abitat li jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.
Il-kunsilli lokali jistgħu japplikaw għall-iskema sal-31 ta’ Mejju li ġej. Il-Ministru Anton Refalo tenna li qed iniedu din l-iskema biex il-lokalitajiet ikomplu jissebbħu permezz ta’ aktar tħawwil tas-siġar.
“Il-kunsilli lokali huma l-gwardjani tal-ambjent. Il-forza ta’ din l-iskema, aħna qegħdin nagħtu l-fakultà lill-kunsilli lokali biex iħawlu siġar taż-żebbuġ kif ukoll siġar taċ-ċitru f’postijiet pubbliċi, imbagħad aħna, bħala Ministeru, nikkumpensawhom.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjon din l-iskema, li għandha l-għan li tħaddar il-lokalitajiet u li twassal għal aktar dekarbonizzazzjoni u spazji fejn il-pubbliku jista’ jirrekrea ruħu.
“Permezz tal-iskema ‘Ġonna fl-Urban’ qegħdin inħeġġu lill-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex biex jagħmlu użu minn din l-inizjattiva u jixtru aktar siġar taż-żebbuġ u ċ-ċitru biex joħolqu aktar spazji miftuħa fil-lokalità tagħhom, imma wkoll biex ir-residenti tagħhom igawdu minn ambjent sabiħ, ambjent aktar aħdar.”
Hi nnotat ukoll kif iċ-ċitru u s-siġar taż-żebbuġ huma siġar li jservu snin twal u, għalhekk, dak li se jsir permezz ta’ din l-iskema se jgawduh il-ġenerazzjonijiet futuri.