Transport Malta qed terġa’ tniedi skema biex tirregolarizza l-arretrati fuq il-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi. Il-liġi ġiet emendata u l-iskema qed tiġi estiża għall-aħħar darba.
Dawk li għandhom f’isimhom vettura bil-liċenzja mhux imħallsa, mhux se jkunu jistgħu jirreġistraw jew jitrasferixxu vettura oħra.
Huwa illegali li ssuq vettura fit-triq bil-liċenzja skaduta. Barra minn hekk, bis-sistema tal-punti li ġiet introdotta mill-1 ta’ Diċembru 2017, sidien ta’ vetturi li jonqsu milli jġġeddu l-liċenzja tat-triq tal-vettura tagħhom, jistgħu jeħlu kontravenzjoni u jitnaqqsilhom bejn 3-6 punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom.
Sidien li ma jħallsux il-liċenzja tal-vettura, se jeħlu multa ta’ €10 kull xahar, u dan wara 90 ġurnata minn meta tiskadi l-liċenzja. Vetturi fit-triq, li l-liċenzja tagħhom skadiet b’iżjed minn 90 ġurnata, se jinġabru.
Transport Malta se tibgħat ittra lil dawk li ma ġeddux il-liċenzja biex jirregolarizzaw ruħhom b’din l-iskema.
L-iskema tapplika għall-vetturi kollha li ġew skrepjati, meqruda, misruqa jew iggaraxxjati u s-sidien tagħhom naqqsu milli jinfurmaw b’dan lil Transport Malta. Din l-iskema tapplika wkoll għal dawk li għal xi raġuni ma setgħux iġeddu l-liċenzja tal-vettura tagħhom.
L-iskema tagħmel ukoll provedimenti għal:
• Vetturi li ġew skrepjati minn sidien li ġew nieqsa u li l-eredi tagħhom irrinunzjaw it-testment;
• Individwi li skrepjaw il-vettura u li huma residenti f’dar għall-anzjani, sptar jew istituzzjonijiet simili.
Iżjed informazzjoni tista’ tinkiseb minn Transport Malta b’imejl fuq arrears.tm@transport.gov.mt, bit-telefon fuq 8007 2393 jew mid-Dipartiment tal-Liċenzji, A3 Towers, Raħal Ġdid mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-07:30 u 12.00.