Inizjattiva oħra fil-kamp tal-enerġija bi skema ġdida, skema li tirrigwardja l-heat pumps, li se tgħin lill-pajjiż fl-avvanz tiegħu fl-użu tal-enerġija rinovabbli b’mod sostenibbli u l-kisba tal-miri tal-politika tal-klima.
Skema li permezz tagħha qed isir avvanz ieħor fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-Gvern fis-settur tal-enerġija, immirati biex jiżguraw is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-affordabiltà tal-enerġija f’Malta.
Miżuri fost diversi, inkluż it-tariffi Feed-in għal sistemi fotovoltajiċi sa 1 Mega Watt power, għotjiet biex jiffavorixxi l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajiċi domestiċi, għotjiet għal solar water heaters domestiċi u politika li tiffavorixxi l-użu tal-biofuels.
Dawn il-heat pumps li jservu ta’ water heaters jistgħu jintużaw fid-djar minflok il-water heater (magħruf aktar bħala geyser).
Il-vantaġġ tagħhom huwa li huma aktar effiċjenti minn water heater normali u jikkonsmaw inqas elettriku, għalhekk apparti li wieħed qed jgħin biex ikollna ambjent aħjar ikun qed jiffranka wkoll mill-kont tad-dawl. Filwaqt li dawn il-heat pumps jistgħu jintużaw ukoll minn dawk il-persuni li ma għandhomx bejt u allura ma jistax ikollhom Solar Water Heater.
Hekk kif din għadha teknoloġija ġdida l-Gvern ħaseb li joffri l-inċentiv ta’ sussidjar permezz ta’ din l-iskema. Il-Gvern se jkun qed jirrifondi proprju 40% tal-ispiża tat-tagħmir, sa massimu ta’ 400 Ewro.
L-iskema se tinħareġ u se tkun amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li se jkun qed jilqa’ u jipproċessa l-applikazzjonijiet magħmula taħt din l-iskema.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li hu konvint li dan se jkun pass ieħor importanti lejn il-kisba tal-miri tagħna ta’ 10% għal enerġija rinovabbli sas-sena 2020, filwaqt li dan il-pass se jgħin ukoll lil dawk il-familji li se jgawdu mis-sussidju li se jingħata taħt din l-iskema biex b’hekk iraħħsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom.