Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda skema ġdida għall-edukazzjoni tal-arti bħala parti minn investiment dirett ta’ €6 miljun fis-setturi kulturali u kreattivi lokali.
L-iskema ġdida għall-edukazzjoni tal-arti se tinjetta investiment dirett ta’ €120,000 fis-settur tal-formazzjoni u l-iżvilupp tal-arti.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li din l-iskema hija kruċjali fil-bini ta’ settur kulturali u kreattiv robust.
Fl-Università antika fil-Belt Valletta, id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi, spjegat li din l-iskema l-ġdida hija miftuħa għal organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-arti.
Dan bil-għan li tappoġġa istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u intrapriżi biex jipprovdu livell għoli u ħarsa progressiva lejn l-edukazzjoni fl-arti u l-kreattività.
Cauchi qalet, “L-idea propju hi li ngħinu lil dawn l-organizzazzjonijiet fil-metodi u prattiċi tagħhom biex itejbuhom anke capacity building, training curriculum, id-delivery jiġifieri minn kull aspett.”
Min-naħa tiegħu il-Ministru José Herrera spjega kif din l-iskema ġdida qed tindirizza l-qofol tal-formazzjoni u l-iżvilupp ta’ artisti ġodda u emerġenti.
Il-Ministru Herrera: “Din id-darba se ngħinu lill-edukaturi f’Malta nnifisha li hija importanti ħafna. Xtaqt ngħidu ukoll li bħala Arts Council li din is-sena ħriġna skemi li jammontaw aktar minn €6 miljun b’mod dirett apparti għajnuniet oħra minn entitajiet oħra. Dan juri l-impenn b’saħħtu tal-Gvern favur it-tkattir tal-kultura u l-patrimonju tagħna.”