Mal-elf u tliet mitt tifel u tifla se jgawdu minn skema ġdida, li se tara occupational therapists fil-privat jidħlu fi ftehim mal-Gvern biex joffru s-servizzi tagħhom lit-tfal li qegħdin fil-lista ta’ stennija għal dan is-servizz.
Id-dettalji ta’ din l-iskema, ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli.
Ġie spjegat kif minħabba l-pandemija u anki azzjonijiet industrijali li kienu ttieħdu mill-UHM, tfal li għandhom iktar minn sena u nofs, iridu jistennew madwar għaxar xhur biex jieħdu s-servizz.
Iż-żmien ta’ stennija għat-tfal ta’ taħt is-sena u nofs huwa ta’ xahrejn.
Din l-iskema se tassigura li t-tfal fuq il-lista ta’ stennija jieħdu s-servizz bla ħlas minn kliniċi oħra minflok fl-isptarijiet tal-Gvern.
L-occupational therapists li jaħdmu fil-privat jgħoddu għal madwar ħamsin, u dawn jistgħu japplikaw biex jagħtu servizz lill-pazjenti ta’ Mater Dei u jħallas għalihom il-Gvern.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Aħna qegħdin naraw li l-lista ta’ stennija tiffoka fuq it-tfal bejn sena u ħames snin li madwar ħamsa u disgħin fil-mija minnhom għandhom bżonn interventi regolari kull ġimagħtejn jew kull tliet ġimgħat u allura huwa kruċjali li t-tfal naqbduhom f’età bikrija ħafna biex ma jitilfux xhur kruċjali biex ikunu jistgħu jieħdu t-terapija li jkollhom bżonn.”
Il-Ministru tas-Saħħa semma x-xogħol li sar fl-aħħar xhur biex il-listi ta’ stennija għal diversi servizzi, jerġgħu jonqsu minħabba li kien hemm xi dewmien kawża tal-pandemija.
Fost l-aktar servizzi li rkupraw mill-ħin ta’ stennija hemm dawk ta’ operazzjonijiet skedati, MRIs, servizzi ta’ kura ta’ saħħa mentali fil-komunità u testijiet tal-mammograms u smear tests.