Ġiet mnedija skema ġdida li se tipprovdi pjattaforma legali aktar ġusta u ta’ inqas dewmien għat-tiġdid ta’ ċnus tal-Gvern, inklużi dawk li kienu ngħataw mill-Knisja u issa għaddew għand il-Gvern, li skadew jew se jiskadu sal-wieħed u tletin ta’ Diċembru 2030.
Sal-lum, it-tiġdid ta’ ċnus ta’ kull tip kien jista’ jsir biss bis-saħħa ta’ liġi mill-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern. Dan perà, jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tagħżel li ġġedded iċ-ċens, jew inkella terġa’ tieħu l-pussess tal-proprjetà, mingħajr ma jespandi jew jagħti direzzjoni dwar kif l-Awtorità tagħżel liema triq tieħu, u wisq inqas fuq liema bażi tieħu din id-deċiżjoni.
B’hekk, il-Gvern ħass il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Artijiet ikollha direzzjoni aktar ċara u bbażata fuq skema approvata bħala Avviż Legali.
Dan biex ma jkunx hemm lok għal diskriminazzjoni u fl-istess ħin jingħata serħan tal-moħħ għal mijiet ta’ familji li qegħdin ibatu b’inċertezza dwar il-futur tal-proprjetà li ilhom igawdu għal ħafna snin.
Hu stmat li hawn mill-inqas 1,800 proprjetà, li huma residenzjali, agrikoli jew kummerċjali, li jistgħu jikkwalifikaw għal din l-iskema. Bil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-arkivju, u tiġdid tad-data tal-Awtorità, din l-istima tista’ tiżdied, speċjalment minħabba li l-maġġoranza ta’ dawn l-każi jikkonsistu fi proprjetà li għaddiet għand il-Gvern mingħand il-Knisja permezz tal-ftehim tal-1993. B’hekk, dawn il-każi se jibqgħu jitfaċċaw maż-żmien sakemm il-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjetà jingħalqu.
B’hekk, din l-iskema se tipprovdi l-opportunità li jiġu regolarizzati dawk iċ-ċnus li skadew jew se jiskadu sal-aħħar tas-sena 2030, u b’hekk jingħataw ċnus b’terminu ta’ 50 sena.
Fil-każ ta’ ċnus agrikoli fejn hemm irziezet, dawn se jkunu qed jingħataw rati vantaġġużi ħafna li huma diġà stabbiliti mill-Awtorità, filwaqt li ċnus skaduti fuq raba jingħataw titolu ta’ qbiela bir-rati tal-Gvern.
Fil-każi ta’ konċessjoni mogħtija fuq xi artijiet jew proprjetà oħra, iċ-ċens għandu jkun ikkalkulat bħala tnejn fil-mija tal-valur tas-suq miftuħ għall-użu rikonoxxut u dik is-somma għandha tkun riveduta kull għaxar snin bl-għaxra fil-mija.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li bħala Gvern dejjem poġġejna fuq quddiem lill-familji, lill-bdiewa u n-negozji.
Qal, “Hekk issa stabilixxejna, bl-aktar mod trasparenti, kif dawk li għandhom ċnus li skadew jew issa se jkunu qed jiskadu, nagħtuhom serħan il-moħħ biex b’hekk iċ-ċens ikun jista’ jiġġedded.”