27 organizzazzjoni volontarja se jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali, b’total ta’ €140,000.
Din l-iskema, imħabbra mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, għandha l-għan li tkompli trawwem, tħares u ssaħħaħ it-tradizzjonijiet kulturali, partikolarment fejn jidħol armar u tiżjin fil-festi.
Mary Ann Cauchi, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, qalet kif dan il-fond jappoġġja lill-bosta organizzazzjonijiet madwar l-ibliet u l-irħula li jkomplu jikkontribwixxu għall-festi tradizzjonali Maltin, li jiddedikaw il-ħin tagħhom matul is-sena kollha biex isaħħu l-aspett artistiku ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Qalet, “Għal darb’oħra qed insostnu biex jgħola l-livell artistiku tal-festi fejn jidħol armar. Il-festi huma importanti għall-Kunsill, jiffurmaw parti integrali tal-komunità tagħna. Il-komunità hija importanti fejn tidħol il-kultura, speċjalment fejn nitkellmu fuq strateġija 2025 tal-Kunsill.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal kif din hija xhieda oħra ta’ kemm il-Gvern huwa kommess li jkompli jservi ta’ spalla finanzjarja għal dawn l-għaqdiet.
Qal, “Qegħdin nagħtu din l-għajnuna biex jerġa’ jkollna proġetti ġodda fejn għandu x’jaqsam tiżjin u armar fit-toroq tagħna. Aħna kommessi li nkomplu ngħinu lil ħafna voluntiera li jaħdmu għall-festi tagħna li huma tant għal qalbna.”
Il-benefiċjarji ta’ din l-iskema huma organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u ġew skrutinizzati f’termini ta’ eliġibilità teknika u artistika mill-Kunsill Malti għall-Arti; kull proġett ingħata finanzjament fuq bażi ta’ każ b’każ.