B’investiment ta’ €21 miljun infetħu l-applikazzjonijiet għal skema simplifikata għall-investimenti produttivi fl-irziezet tal-bdiewa u r-raħħala lokali. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura Anton Refalo, bil-għan li titnaqqas il-burokrazija għal applikanti li jridu jwettqu proġetti żgħar.
Il-Ministru Refalo tkellem dwar l-isifidi li ffaċċjaw il-bdiewa fl-aħħar snin fl-isfidi internazzjonali bla preċedent u kif din l-iskema se tgħinhom aktar jibbenefikaw mill-fondi Ewropej.
Għaldaqstant qed nagħmlu din l-iskema għall-ewwel darba, li biha b’mod simplistiku qegħdin nagħtu sa massimu ta’ €15,000 lill-bdiewa u r-raħħala tagħna meta jagħmlu proġett żgħir li jammonta sa massimu ta’ €30,000.
Il-Ministru Anton Refalo
Ma’ ONE News, Louisa Formosa, Direttriċi Ġenerali fi ħdan l-istess Ministeru, spjegat aktar dwar l-iskema.
Din l-għajnuna tista’ tingħata biex tappoġġja investimenti produttivi fuq l-irziezet, kemm dawk ta’ fuq l-art, kif ukoll tal-annimali, li jikkonċernaw, fost oħrajn, akkwisti tal-aqwa tekniki, tagħmir u makkinarju għall-produzzjoni, l-ambjent u s-saħħa. Investimenti relatati mal-biedja ta’ preċiżjoni, investimenti li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-pestiċidi.
Louisa Formosa, Direttriċi Ġenerali
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet taħt din l-iskema simplifikata se tibqa’ miftuħa sa l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju li ġej.