Il-Malta Trust Foundation nediet programm li jgħin jipprovdi impjiegi ta’ sostenn għal żgħażagħ żvantaġġjati biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa wara nofsinhar fejn il-fondazzjoni ffirmat tliet ftehimiet mal-Fondazzjoni Gasan u l-Fondazzjoni Melita.
Il-Malta Trust Foundation ssieħbet ukoll mal-YMCA u l-Federazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Ħbieb u l-Istudenti ta’ Don Bosco biex tipprovdi appoġġ u servizzi ta’ mentoring liż-żgħażagħ fil-programm.
Iċ-Chairperson tat-Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-ftehim se ikun strumentali għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin
“Aħna nittamaw li dawn iż-żgħażagħ verament ikollhom aċċess għad-dritt tagħhom għax-xogħol, dritt fundamentali tal-bniedem. L-aċċess għal-liġi tax-xogħol ifisser ukoll dinjità fil-ħajja.’
Iċ-chairperson tal-Fondazzjoni Gasan, Joe Gasan qal li dan il-ftehim se iħalli impatt soċjali pożittiv biex jappoġġja individwi, gruppi soċjali u organizzazzjonijiet vulnerabbli.
“Bħala Fondazzjoni Gasan, huwa importanti għalina għaliex qed nikkooperaw ma’ ditti oħra biex ngħinu nies żvantaġġati li għandhom problema biex isibu xogħol u dinjità fil-ħajja.”
Min-naħa tagħha, iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Melita, il-Professur Tanya Sammut Bonnici, spjegat li l-Fondazzjoni temmen li dan il-ftehim se jagħmel differenza reali, mhux biss għall-individwi li se jibbenefikaw direttament mill-iskema, iżda wkoll għal dawk ta’ madwarhom.