Għaxar kunsilli lokali, li jifformaw parti mir-Reġjun Punent, se jkunu qed jibbenefikaw minn skema, li għandha l-għan li tippromwovi u tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-qari fost it-tfal.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb 2024, ġie spjegat li din l-iskema se tgħin biex jitħejjew programmi interattivi fejn f’kull lokalità, flimkien ma’ xi għaqdiet u skejjel primarji, jittellgħu attivitajiet bħal puppet shows, makjetti b’forma ta’ forum theatre, laqgħat ma’ awturi u inizjattivi edukattivi oħrajn li kollha jwasslu messaġġ pożittiv favur il-ktieb.
Fil-fatt, tkellimna mas-Sindku taż-Żurrieq li spjegat l-attivitajiet li qed jitħejjew għad-data tal-25 ta’ April.
“Fil-25 ta’ April ħa jkun hawn il-librerija normali miftuħa u se nistiednu n-nies biex jiġu. Se jkun hawn poeżiji, kotba jiġifieri jaqrawhom l-awturi stess, makjetti u aħna, bħala Kunsill Żurrieq, għandna l-kotba tal-Breille. Allura nħeġġu lil min forsi għandu diżabilità biex jiġi u jara u jużahom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, laqgħet b’sodisfazzjon din l-inizjattiva li se tqajjem iżjed kuxjenza u għarfien fost it-tfal dwar il-qari.
Qalet li l-qari għandu jkun rutina ta’ kuljum fost it-tfal u għalhekk għandu jsir dak kollu meħtieġ biex titrawwem iżjed imħabba għall-ktieb.
“F’tul ta’ ġimgħa, diversi attivitajiet u inizjattivi qed iħeġġu lit-tfal biex ikomplu jaqraw. Qed iħeġġu t-tfal u jagħmluhom konxji kemm hu importanti l-ktieb, għax il-ktieb jgħin lit-tfal jiżviluppaw b’mod ħolistiku u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom b’mod inġenerali.”
Min-naħa tiegħu, il-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, qal li l-għan ta’ din l-inizjattiva hu li, bħala reġjun, jissaħħaħ l-aspett edukattiv fost it-tfal residenti fil-lokalitajiet rispettivi.
Spjega li, minkejja li diġà hemm libreriji pubbliċi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, dawn se jissaħħu b’iżjed għarfien ħalli eventwalment dawn il-libreriji jintużaw iżjed.
Il-lokalitajiet, li se jibbenefikaw minn din l-iskema, huma Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi, iż-Żurrieq, ir-Rabat, l-Imdina u Ħad-Dingli.
Sadanittant, aktar kmieni l-Ġimgħa filgħodu, saret attività oħrajn b’rabta mal-Jum Dinji tal-Kotba.
Fil-fatt il-Kunsill Lokali tal-Birgu, permezz tas-Sindku John Boxall, qassam numru ta’ kotba lill-istudenti tal-Iskola Primarja tal-istess belt. Dan bil-għan li tkompli titnissel kuxjenza dwar l-importanza tal-qari sa min età żgħira.