Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret skema tal-Ministeru ghal Għawdex ta’ rifużjoni tal-biljett tal-Gozo Channel, għal dawk il-vetturi elettriċi li jaqsmu lejn Għawdex bejn it-12 u s-17 ta’ Awwissu.
Il-Ministru Caruana qalet li biex titkompla titwettaq il-viżjoni tal-gvern li jara li Għawdex verament issir gżira ekoloġika, il-Ministeru għal Għawdex permezz tad-Direttorat EkoGħawdex, ser ikun qiegħed jiffinanzja skema fejn il-propjetarji ta’ vettura elettriċi li se jaqsmu minn Malta matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija, ser jingħataw il-biljett tal-vapur b’xejn. Nafu li f’dawn il-ġranet marbuta ma’ Santa Marija, Għawdex jesperjenza influss għoli ta’ viżitaturi u allura rridu ninkoraġixxu prattiċi tajbin b’risq is-sostenibbilità ambjentali, arja nadifa u mezzi ta’ trasport alternattivi.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva, id-Direttorat EkoGħawdex ser ikun qiegħed jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jiġu kkawżati mill-influss ta’ vetturi fuq il-gżira.” qalet il-Ministru Justyne Caruana. “Din l-iskema hi inizjattiva oħra fost numru ta’ inizjattivi u proġetti li qed jaħdem fuqom il-Ministeru għal Għawdex biex inaqqas l-emmisjonijiet f’Għawdex,” stqarret il-Ministru Caruana.
Din l-iskema, li ser titnieda għall-festa ta’ Santa Marija ser tkun miftuħa bejn it-12 ta’ Awwissu mill-5.00 ta’ filgħodu u tagħlaq fis-17 ta’ Awwissu f’nofsillejl. Huwa importanti li l-propjetarju tal-vettura eletrika jippreżentaw il-logbook fit-ticket booths tal-kumpanija Gozo Channel biex ikuni jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.