Ġiet imnedija skema li għandha l-għan li tippromwovi r-rinovazzjoni ta’ binjiet residenzajali u proprjetajiet privati, biex ikunu aktar effiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ enerġija. L-iskema ‘Irrinova Darek’ se tkun qed tgħin resident fin-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir.
Din l-iskema se tkun qed tirrifondi lura sa disgħin fil-mija tal-ispiża tax-xogħlijiet b’massimu ta’ ħmistax-il elf ewro biex ikun hemm użu iżjed effiċjenti tal-enerġija.
Minkejja li l-iskema pilota b’total ta’ sitt mitt elf ewro se tkun miftuħa għar-residenti tal-Port il-Kbir, mhux eskluż li din tinfetah għal residenzi oħra madwar pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Karl Azzopardi spjega wħud mill-bidliet li wieħed jista’ jagħmel.
Azzopardi tenna, “Per eżempju l-insulation fejn dak li jkun ikun jista’ jibdel kontra bejt, cross ventilation fejn jidħol l-arja pura biex in-natura tibdel dik l-arja. Dawl naturali biex inaqqas l-użu tad-dawl u jnaqqas l-enerġija. Kif ukoll solar water heater u double glazing.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius spjega kif din l-iskema hi waħda soċjali għax se tgħin l-aktar familji vulnerabli biex jagħmlu tibdiliet f’darhom iżda eventwalment inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija.
Chris Agius stqarr, “Il-maġġoranza assoluta tal-binjiet huma ta’ wara l-gwerra, binjiet li nbnew b’mod tradizzjonali u li biex tirronivom trid ħafna spejjeż. Kif ukoll fil-maġġoranza assoluta tagħhom joqgħodu ħaddiema u allura għidna li din l-iskema għandha tiġi varata f’dawn in-naħat.”
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li din l-ewwel skema għandha taġixxi bħala bażi għall-aktar skemi potenzjali li se jgħinu l-Gvern jilħaq il-miri tiegħu li jnaqqas l-emmissjonijiet.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jintlaqgħu mill-ewwel ta’ Marzu sal-ewwel ta’ April.