Permezz ta’ baġit annwali ta’ sitt mitt elf ewro, ġiet introdotta l-iskema Screen Malta, li l-għan tagħha huwa li joħloq metodi ġodda għall-iffinanzjar ta’ produzzjonijiet lokali.
B’ħidma konġunta bejn il-Kummisjoni Maltija għall-films u l-Ministeru għat-Turiżmu, din l-iskema se tisfrutta l-potenzjal tal-industrija tal-films f’Malta.
Dan il-fond ser ikun katina ma’ aspetti oħra ekonomiċi kif ukoll l-elementi kreattivi u kulturali f’pajjiżna. Fl-istess waqt, se jiġi mħares l-iżvillupp tal-ħiliet u trawwim fl-impjiegi ta’ dan is-settur.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli saħqet kemm huwa importanti li ninvestu fit-talent u l-ħiliet Maltin u spjegat kif din l-inizjattiva ġdida tiftaħ il-bibien lil numru ta’ produtturi lokali.
Il-Ministru stqarret, “Dan huwa fond ta’ massimu ta’ €600,000 sabiex b’mod tanġibbli aħna ngħinu lil dawk il-produzzjonijiet lokali li jkunu jridu jkomplu jimirħu f’din l-industrija.”
L-irwol tal-Kummisjoni Maltija għall-Films huwa li ssegwi l-proċess ta’ dawn il-produzzjonijiet fuq livell kummerċjali speċjalment fejn tidħol distribuzzjoni lokalment u internazzjonalment għal skopijiet teatrali, festivals u xandiriet televiżivi.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li għall-ewwel darba, produzzjonijiet lokali jistgħu jiġu ffinanzjati mija fil-mija, u għaldaqstant ikollhom bażi tajba biex jirnexxu f’din l-industrija.
“Skema li minn din is-sena ser tkun tinkludi produzzjoni televizivi. Proġetti eliġibbli ser ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati mijja fil-mijja sa massimu ta’ €200,000.” Saħaq Grech.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-aħħar ta’ Settembru u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit www.maltafilmcommission.com