Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (l-MCVS) għadu kif nieda l-iskema ‘Small Initiatives Support Scheme’, li hija mfassla biex tgħin finanzjarjament lil għaqdiet volontarji fuq proġetti żgħar li jistgħu jagħmlu differenza.
Il-baġit totali għall-iskema mħabbra huwa ta’ €180,000, b’żieda ta’ €60,000 fuq is-sena ta’ qabel.
Se jsiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni fil-jiem li ġejjin sabiex ikunu ta’ gwida għall-applikanti matul il-proċess tal-applikazzjoni.
Waqt l-attività tat-tnedija, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, stqarret li fit-tliet snin li għaddew ġew approvati 105 proġetti minn għaqdiet volontarji u li bejniethom ibbenefikaw minn €320,000.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat (l-MCVS), qalet li l-għan tal-Kunsill huwa li permezz tal-iskemi diversi nkomplu nsaħħu l-kapacità tal-għaqdiet volontarji.
Mauro Pace Parascandalo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, stqarr li permezz ta’ dawn il-fondi għaqdiet volontarji jistgħu jwettqu inizjattivi u attivitajiet fil-komunitajiet tagħhom illi mingħajr dawn il-fondi ma jkunux jistgħu jattwawhom.