L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa il-WHO ħabbret skema biex tnaqqas il-prezz għoli tal-insulina. Din l-inizjattiva tħabbret waqt konferenza f’Ġinevra.
L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda trid li kumpaniji oħra tal-mediċini jipproduċu verżjonijiet ġeneriċi tal-insulina, li mgħad tgħaddi għal fażi ta’ testijiet. Ladarba l-verżjoni ġenerika tgħaddi mit-testijiet ta’ sigurtà, din tidaħħal fis-suq globali b’rata orħos.
Minn meta ġiet skoperta l-insulina sal-lum, il-prezz fl-Amerka għal kull flixkun li jkun fih l-insulina, minn dollaru fl-1923 tela’ għal 300 dollaru fl-2019.
Skont il-WHO, madwar 20 miljun persuna għandhom id-dijabete tat-tip wieħed u li għandhom bżonn injezzjoni ta’ insulina b’mod regolari biex jgħixu, filwaqt li l-54 miljun persuna madwar id-dinja li għandhom dijabete tat-tieni tiġ jużaw l-insulina f’każijiet severi.
Il-WHO kienet diġà mexxiet b’suċċess skemi simili fil-passat, l-aktar waħda notevoli tkun dwar il-mediċini tal-HIV fl-2001.