13-il wirt storiku fil-komunitajiet se jiġu rrestawrati għall-istat li kienu fih fl-imgħoddi permezz ta’ proġetti ta’ restawr li applikaw għalihom il-Kunsilli Lokali.
Din hija s-seba’ sena li fiha nħarġet din l-iskema ta’ restrawr, li permezz tagħha diġà saru 39 proġett. Tletin minnhom tlestew u l-kumplament waslu biex.
Din is-sena, għall-ewwel darba mindu tnediet l-iskema, se jsiru l-proġetti kollha li saret applikazzjoni dwarhom f’din l-iskema. Fosthom hemm statwi, niċeċ, monumenti, u strutturi storiċi li jsebbħu l-lokalitajiet tagħna.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici qal li għal din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu implimentati l-proġetti eliġibbli kollha fuq perjodu ta’ sentejn, għax ġew sottomessi diversi proposti b’saħħithom u tajbin li kienu jimmeritaw konsiderazzjoni pożittiva.
Minn naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr, li se jkunu huma li jagħmlu x-xogħol tar-restawr. Qalet li dawn il-proġetti jgħollu l-valur tal-lokalitajiet.
Il-proġetti ż-żgħar se jibbenefikaw minn €6,000 sa €10,000 u l-proġetti akbar se jgawdu minn għotja ta’ madwar €65,000
Dawn il-proġetti se jsiru fi 13-il lokalità.