Il-Ġimgħa wara nofshinar ġiet imnedija miżura tal-budget għal din is-sena li permezz tagħha s-sajjieda Maltin u Għawdxin se jkunu qed igawdu minn skema ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro sabiex inaqqsu l-impatt negattiv fuq l-ambjent.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-nies’ minn ġewwa l-Pixkerija tħabbret l-iskema li permezz tagħha s-sajjieda se jgħinu biex fi xtutna jkun hawn sajd aktar sostenibbli.
Id-Direttur responsabbli fi ħdan il-Ministeru għall-Biedja u s-Sajd, Bjorn Azzopardi spjega x’tikonsisti din l-iskema.
“Qed nistiednu lis-sajjied japplikaw għal din l-għajnuna sakemm il-darba huma jinvestu u jixtru rkapti li huma sostenibbli biex jitnaqqas anke s-sajd li ma jidhirx, fejn ħut jinqabad f’tagħmir li jkun abbandunat tas-sajd u għalhekk ninkoraġġuhom jinvestu f’tagħmir bio-degradabli. It-tieni hija fejn sajjieda jaċċettaw li jnaqqsu l-kobor tal-magna u jekk jagħmlu dan l-investiment jieħdu elfejn ewro fuq bażi ta’ ħames snin.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Biedja u s-Sajd Anton Refalo qal li permezz ta’ dan, il-Gvern qed jara li jippremja lil min jieħu ħsieb l-ambjent.
“Gvern li għandu l-ambjent bħala prijorità u qed nagħmlu din il-miżura li min-naħa waħda qed ngħidu li hemm bżonn biex is-sajd ikun sostenibbli u min-naħa l-oħra qed ngħidu li aħna nirrispettaw l-ambjent u qed nagħmlu din l-iskema b’€350,000 mill-fondi nazzjonali.”
L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa minn Lulju sa Diċembru li ġej.