Għall-ewwel darba qed isir il-Malta School Sports Festival, li jġib flimkien parteċipanti mill-iskejjel sekondarji tal-istat, flimkien mal-iskejjel tal-Knisja u anke privati.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Żgħażagħ u Sport Chris Agius attenda l-ftuħ uffiċjali fil-Matthew Micallef St John track fil-Marsa.
F’din l-ewwel edizzjoni, li hija mifruxa fuq ġimgħatejn, ser isiru l-fażijiet finali tad-dixxiplini sportivi tal-Atletika, Football, Futsal, table Tennis, Waterpolo, Għawm u Basketball.
Il-fażi ta’ kwalifikazzjoni saret matul din is-sena skolastika u l-logħob kien organizzat b’kollaborazzjoni bejn l-Isport Promotion Unit (SPU), id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-Malta School Sport Federation (MSSF) u l-assoċjazzjonijiet sportivi ta’ kull dixxiplina. L-għan huwa li s-sena ddieħla aktar dixxiplini jkunu nklużi f’din l-attivita’.
Il-kompetizzjonijiet kollha se jsiru bejn id-9am u s-1pm u l-pubbliku sportiv huwa mistieden li jattendi.