L-ewwel qari tal-liġi li se tneħħi l-libell kriminali huwa skedat għall-10 ta’ Ottubru li ġej. Ħabbar dan il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, meta kien qed jireaġixxi għal suġġerimenti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
“Wara l-iżviluppi fil-liġijiet tagħna li wettaq dan il-Gvern fil-libertà tal-espressjoni artistika, il-pass li jmiss hu l-immodernizzar tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-libertà tal-espressjoni ġurnalistika,” qal il-Ministru Owen Bonnici. L-abbozz ta’ liġi huwa approvat mill-Kabinett tal-Ministri, li għandu l-għan li jaġġorna l-oqsma tal-media u l-malafama għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum.
“Dan l-abbozz huwa wieħed importanti għaliex se jdaħħal numru ta’ bidliet. Ewlenija fosthom hija t-tneħħija sħiħa tal-libell kriminali. Bidla ohra se tkun id-dħul ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ alternative dispute resolutions f’kawżi ta’ libelli ċivili,” kompla jingħad.
Kien spjegat li l-Gvern huwa kommess li jkompli jmexxi’l quddiem aġenda progressiva favur iktar libertajiet u titjib tal-ligijiet li jirregolaw il-prinċipji fundamentali tad-demokrazija tagħna.